Skip to main content

New Guidelines for the Vintage Vehicle Sector

Press Release 7 JULY 2025:

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ħabbar sett ta’ linji gwida ġodda għall-klassifikazzjoni tal-vetturi vintage. Mill-1 ta’ Settembru kull applikazzjoni għal klassifikazzjoni vintage se tkun teħtieġ spezzjoni fiżika mill-Kumitat tal-Klassifikazzjoni tal-Vetturi Vintage. Ser tiġi introdotta sistema ta’ riċertifikazzjoni għal vetturi ta’ bejn it-30 u d-49 sena, bi spezzjoni kull ħames snin biex kull vettura tiġi evalwata b’mod dirett u jkun aċċertat l-awtentiċità, l-oriġinalità u l-kundizzjoni tagħha. Għal vetturi ta’ 50 sena jew aktar, dan l-obbligu ma japplikax jekk jiġi ppreżentat ċertifikat tal-FIVA.

B’hekk qed tkun imwettqa miżura oħra mill-pjan Reshaping our Mobility. Dawn il-bidliet huma frott proċess ta’ xhur ta’ konsultazzjoni u djalogu ma’ diversi partijiet ikkonċernati, fosthom il-Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki (FMVA), li esprimiet l-appoġġ sħiħ tagħha għal dawn ir-regoli l-ġodda.

Il-Ministru Chris Bonett qal: “L-imħabba tal-Maltin għall-vetturi klassiċi hija waħda kbira u dmirna hu li nipproteġu dan is-settur. Il-konservazzjoni ta’ dawn il-karozzi u muturi, għal ħafna mhijiex biss kwistjoni ta’ nostalġija imma parti minn ħajjithom u mod tanġibbli ta’ kif jipproteġu wirt li għandu jiġi apprezzat u mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet futuri.”

Il-Ministru spjega kif, maż-żmien, il-komunità tal-vintage kibret u nħolqot il-ħtieġa għal regoli aktar ċari u standards ogħla. Is-sistema preżenti kienet f’ħafna każijiet ibbażata fuq ritratti u dokumentazzjoni u ma kienitx dejjem tagħti l-protezzjoni u s-serjetà li dawn il-vetturi jistħoqqilhom. “Kien hemm kunsens kemm mill-pubbliku kif ukoll mis-sidien stess li l-istatus vintage għandu jkun verament prestiġjuż u riservat għal dawk il-vetturi li huma tassew ikkurati sew,” temm jgħid il-Ministru Bonett.

Gilbert Agius, Chief Officer għat-trasport bl-art fi ħdan Transport Malta qal li, “dawn il-linji gwida huma maħsuba biex jipproteġu lis-sidien ġenwini minn min fil-passat prova jabbuża mis-sistema u jnaqqas il-valur tal-isforz tagħhom. B’dan il-mod, kull number plate vintage fit-toroq tagħna se jsir ċertifikat kredibbli tax-xogħol u l-passjoni tas-sidien fuq il-karozzi tagħhom.”

Dan huwa pass ieħor importanti biex jiġi protett dan is-settur filwaqt li jiġu stabbiliti regoli ġusti u trasparenti għall-futur tal-vetturi vintage f’Malta.

Għal aktar informazzjoni, żur il-paġna li ġejja.

Share this article