Skip to main content

Referenza għal rapporti żbaljati dwar il-konċessjoni ta' marina f'Marsascala

Press Release 15 AUGUST 2021:

Transport Malta tagħmel referenza għall-diversi stqarrijiet pubbliċi li saru dwar il-Pre Qualification Questionnaire (PQQ) ippubblikat dwar l-eventwali konċessjoni għal marina f’Marsascala.

L-impressjoni li ngħatat minn xi wħud li diġa’ hemm xi pjanti lesti jew li kollox hu finalizzat hija għal kollox żbaljata. Dak ippubblikat m’hu xejn għajr sejħa għal min irid juri interess li jiżviluppa marina. Kif saħansitra tixhed il-pubblikazzjoni tal-PPQ, il-proċess għadu fi stadju bikri ħafna.

Ġaladarba jkun hemm shortlist ta’ min hu interessat, ikunu meħtieġa diversi proċessi u studji oħra, li naturalment jinkludu proċessi ta’ konsultazzjoni wiesgħa inkluż mal-komunità tal-lokalita’ biex minn hemm jimmatura iżjed il-proġett, jiġu mfassla l-pjanti tiegħu u jiġi magħżul min se jwettqu bil-proċeduri kollha mitluba.

Sadanittant, id-deċiżjoni li f’Marsascala issir marina, kienet meħuda u stabbilita’ fil-pjani lokali addottati fl-2006 permezz tal-policy SMMS 04.

Share this article