Skip to main content

25 JULY 2025: Jitħabbar il-Kodiċi ġdid għat-Toroq Maltin flimkien ma’ kampanja edukattiva b’enfasi fuq ir-rispett u s-sigurtà

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, nieda uffiċjalment il-Kodiċi ġdid għat-toroq f’Malta, dokument komprensiv u aġġornat li jirrifletti r-realtajiet moderni tal-mobilità f’pajjiżna.

Il-Kodiċi l-ġdid jinkludi numru ta’ żidiet importanti li jirriflettu b’mod ċar l-evoluzzjoni tal-mobilità f’Malta. Fosthom hemm regoli ġodda għal mezzi ta’ mobilità moderni bħall-e-scooters u l-pedelecs, sabiex dawn jiġu integrati b’mod sigur u regolat. Il-Kodiċi jipprovdi wkoll gwida estensiva għas-sewwieqa ġodda, b’enfasi fuq id-dixxiplina u l-effetti negattivi li jwasslu għalihom distrazzjonijiet bħal użu tal-mowbajl. Il-Kodiċi jinkludi wkoll regoli dettaljati għas-sigurtà, bħall-użu korrett taċ-ċinturini tas-sigurtà u l-ilbies ta’ helmets adattati. Barra minn hekk, fih illustrazzjonijiet edukattivi ta’ tabelli u sinjali biex jgħinu fl-għarfien u l-irwol tagħhom fit-toroq. Fl-aħħar nett, dan id-dokument jelenka wkoll valuri ċiviċi essenzjali, u jsaħħaħ il-ħtieġa għal rispett u kooperazzjoni bejn dawk kollha li jagħmlu użu mit-toroq.

Il-Ministru Chris Bonett spjega kif flimkien mal-Kodiċi l-ġdid, qed titnieda kampanja edukattiva estensiva li flimkien ma’ oħra mmirata għat-tfal, se tgħin fit-trawwim ta’ kultura ġdida u aktar responsabbli. “Eluf ta’ nies jużaw it-toroq tagħna kuljum, u kull deċiżjoni li nieħdu taffettwa mhux biss lilna nfusna iżda wkoll lil dawk kollha ta’ madwarna. Deċiżjoni ħażina jew nuqqas t’attenzjoni minn persuna waħda tista’ tbiddel il-ġurnata, u anke l-ħajja ta’ ħaddieħor. Huwa għalhekk li s-sigurtà fit-toroq trid tkun responsabbiltà kollettiva,” irrimarka l-Ministru Bonett.

“Dan huwa pass importanti lejn toroq aktar siguri u aċċessibbli għal kulħadd. Il-valur tal-ħajja u s-sens ta’ sigurtà fit-toroq jibqgħu kostanti, anke jekk il-mezzi tat-trasport jinbidlu u jevolvu tul iż-żminijiet,” temm jgħid il-Ministru Bonett.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Kurt Farrugia stqarr, “Fhimna li l-mobilità tal-persuni kompliet tevolvi. Għalhekk ħassejna li għandna nembarkaw fuq proġett importanti li permezz tiegħu nimodernizzaw il-linji gwidi favur iżjed sigurtà fit-toroq tagħna. Dawn huwa Kodiċi mġedded, ibbażat fuq ir-realtajiet tal-lum u l-futur. Bħala Awtorità se nniedu kampanja edukattiva ‘Aħsibha Darbtejn’ li permezz tagħha rridu nġiegħlu n-nies hemm barra jkunu iżjed konxji tad-deċiżjonijiet li jieħdu waqt li jivvjaġġaw minn post għal ieħor.”

Il-Kodiċi ġie żviluppat minn Transport Malta, b’konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet pubbliċi inkluż il-Malta Road Safety Council. Il-Kodiċi tat-Toroq il-ġdid jista’ jiġi aċċessat hawn​.

Share this article