Skip to main content

Minn Mejju li ġej ser jibdew xogħlijiet biex tinbena triq ġdida bejn Ħaż-Żabbar u l-Kalkara.

22 APRIL 2025:

Minn Mejju li ġej ser jibdew xogħlijiet biex tinbena triq ġdida bejn Ħaż-Żabbar u l-Kalkara dan sabiex titjieb il-konnettività f’din in-naħa ta’ Malta.

Fuq medda ta’ 1.6 kilometru, dan il-proġett ser jinvolvi karreġjati iżjed aċċessibbli u oħrajn ġodda għal vetturi kif ukoll mezzi ta’ mobilità differenti bħal linji pedonali għal miexi u għaċ-ċiklisti.

Permezz ta’ dan il-pjan, utenti tat-triq li jkunu jridu jivvjaġġaw minn u lejn iż-żona ta’ Smart City, ser ikunu jistgħu jgħaddu b’mod dirett minn din it-triq ġdida mingħajr ma jkollhom għalfejn jidħlu fit-toroq residenzjali tal-Kottonera.

Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett mistennija jieħdu madwar erba’ snin u l-implimentazzjoni tiegħu ser tinqasam f’numru ta’ fażijiet biex jitaffa l-inkonvenjent għal komunità tal-madwar.

L-ewwel impenn fuq ix-xogħlijiet imsemmija ser jara li jitjiebu t-toroq li diġa jeżistu u b’mod sinifikanti l-ammont ta’ art agrikola li ser tittieħed għal dan il-proġett hija waħda limitata meta kkumparata malewwel applikazzjoni li kienet daħlet għal dan il-proġett lura fl-2007.

Fil-fatt, filwaqt li fiż-żmien imsemmi kien mistenni li ttieħed art agrikola ta’ 14,500 metru kwadru, dan niżel għal 5,686 metru kwadru.

Share this article